San Franġisk t’Assisi

mianpic

Franġisku ta’ Assisi twieled fl-1182 u miet fl-1226. Mill-ħajja qasira li għex, għoxrin sena minnhom għaddiehom f’ministerju Kristjan attiv; iżda sa ma wasal biex imut, l-aħwa tal-Ordni li hu kien waqqaf kien irnexxielu jivvjaġġaw mal-Ewropa kollha, fl-arja tal-mediterran u fl-Afrika ta’ Fuq, u sa dak iż-żmien l-Ordni diġa’ kellha l-ewwel martri tiegħu.

L-istorja tal-konverżjoni tiegħu hija magħrufa sewwa – din tirrakkonta kif bħala ġuvnott meta kellu madwar għoxrin sena huwa abbanduna l-ħajja faċli u komda tiegħu biex jitgħannaq mas-Sinjura Faqar. Il-pitturi ta’ Giotto fuq il-ħitan tal-Bażilka f’Assisi fejn il-qaddis jinsab midfun, tillustra grafikament l-episodji ewlenin tal-ħajja bikrija tiegħu. Kif kienet moda fost iż-żgħażagħ ta’ żmienu Franġisku kien miġbud lejn l-ispirtu romantiku tal-kavallerija. Huwa ħa sehem b’entużjażmu fil-ġlied bejn l-bliet tal-Italja Ċentrali li dak iż-żmien kienet maqsuma fi stati differenti, u eventwalment kien inqabad priġunier għal sena fil-belt ġara ta’ Perugia. Matul dan iż-żmien huwa marad serjament. Meħlus minn missieru, kummerċjant tad-drappijiet sinjurun kbir, li ħallas għall-ħelsien tiegħu, huwa irritorna Assisi, iżda qatt ma reġa’ kiseb lura saħħtu kompletament wisq inqas il-moral tiegħu. Fl-1204, lejlet li kien se jitlaq mill-ġdid biex jieħu sehem f’battalja, huwa kellu viżżjoni li ġegħlitu jerħi l-ambizzjonijiet tiegħu għall-glorja militari u minflok għażel li jiżżewweġ ħajja ta’ faqar.

Kien proprju waqt li Franġisku kien qiegħed jitlob quddiem kurċifiss fi knisja mwaqqa’ ddedikata lil San Damjan, barra l-ħitan ta’ Assisi, meta sema’ vuci li qaltlu biex ‘jibni mill-ġdid il-knisja tiegħi’. Bl-entużjażmu tipiku tiegħu huwa fehem dan il-kliem litteralment, bigħ xi pezez ta’ drapp mill-maħżen ta’ missieru u ta l-flus li qala lill-kappillan tal-post. Din l-azzjoni impulsiva tiegħu wasslet biex missieru jaqtgħu mill-wirt pubblikament u Franġisku wieġeb għal dan b’ġest simboliku meta neża’ għarwien quddiem il-miġemgħa ta’ Assisi, biex b’hekk wera li kien qed jinqata’ mill-passat tiegħu.

Minn issa’l quddiem, huwa ddikkjara, Jien se ngħid ‘Missieri li hu fis-smewwiet’ u mhux aktar ‘missieri Pietro Bernardone’.

Minn dakinhar ’il quddiem Franġisku għex ħajja ta’ tallab, u ma kellux xejn tiegħu għajr tunika ħarxa. Kien jittallab u jagħmel xi biċċa xogħol ‘l hawn u ‘l hemm biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Kien preokkupat l-aktar bl-imwarrbin tas-soċjeta’. Meta kien jiltaqa’ ma’ xi tallab marid bil-lebbra, marda li kienet twerwer lin-nies rispettabbli ta’ dak iż-żmien, kien iġiegħel lilu nnifsu jirbaħ l-istmerrija naturali li ġġib din il-marda, u jgħannaq lil dak li jkun miegħu u saħansitra jlibbsu t-tunika tiegħu.

Sussegwentement huwa mar joqgħod għal ftit xhur fil-kolonja tal-lebbrużi viċin Gubbio.

 

Fl-1208, waqt li kien qed jisma’ l-quddies f’Jum il-festa ta’ San Mattija, Franġisku sama’ l-evanġelju tal-ġurnata: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejjqu l-morda, qajjmu l-mejtin, fejjqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu [Mt 10:7-10].

Minnufih Franġisku għaraf is-sejħa ta’ Alla f’dan il-kliem tal-Iskrittura. Kienet it-triq tal-ħajja li hu kien ilu jfittex. Kienet it-triq li kellu jimxi fiha, literralment u f’kull partikular, u dan sakemm imut.

Intefa’ minnufih għall-ministeru tax-xandir tal-kelma, u ma għaddiex wisq żmien li ma bdewx jingħaqdu miegħu xi kumpanji. Flimkien ivvjaġġaw lejn Ruma, biex mingħand il-Papa jiksbu l-approvazzjoni tar-Regola tal-Ordni li kien qed jitwieled. Il-Knisja żgħira tal-Porzjunkola f’Santa Marija tal-Anġli viċin Assisi, li l-aħwa reġgħu bnew b’idejhom stess, saret il-bażi tagħhom, minejn kienu jibdew il-vjaġġi tagħhom biex imorru jxandru l-Kelma fil-kampanja tal-madwar.

L-Ordni tal-Patrijiet Minuri kiber malar, u ma damx ma beda jibgħat missjonijiet lil hinn mill-Italja lejn artijiet oħra fil-Mediterran. Franġisku nnifsu mar Spanja, id-Dalmatija u b’mod mill-aktar drammatiku fl-Art Imqaddsa u f’Damietta l-Eġittu, fejn kellu l-inkontru famuż mas-Sultan fl-1219, fi żmien il-Ħames Kruċjata. L-ewwel missjoni fl-Ingilterra saret fl-1224.

Matul dawn is-snin Franġisku kompla jbati minn mard li ħakem lil saħħtu, b’mod partikulari beda jitlef id-dawl t’għajnejh u f’riġlejh beda jkollu ħafna ulċeri. Fl-1220 ħalla t-tmexxija tal-Ordni f’idejn ħaddieħor, għalkemm xorta baqa’ jivvjaġġa mal-Italja kollha biex jippriedka. Kien jivvjaġġa bilqiegħda fuq xi ħmar inkella kienu jġorruh fuq mitraħ. L-influwenza tiegħu fi ħdan l-Ordni baqgħet soda, u meta ir-Regola ġiet riveduta u miktuba mill-ġdid fl-1221 u mill-ġdid fl-1223, daw xorta kienu jinkludu siltiet ta’ eżortazzjoni u ammonizzjoni li m’hemm l-ebda dubju li kienu ġejjin direttament minn Franġisku nnifsu.

Kien f’Settembru 1224 meta Franġisku rċieva l-istigmati, waqt li kien qed isum għal erbgħin fl-ermitaġġ fuq il- muntanja La Verna. Minn dak iż-żmien il quddiem kompla jiddeterjora fl-istat ta’ saħħtu; kważi għama għal kollox u bilkemm jiflaħ jimxi bl-uġigħ. Dwaru nkiteb li ‘ma kienx jiflaħ id-dawl tax-xemx bi nhar u lanqas id-dawl tan-nar billejl. Kien għalhekk jinżamm magħluq fid-dlam fiċ-ċella tiegħu fid-dar. Għajnejh tant kienu juġugħ li la kien jista’ jimtedd u wisq inqas jorqod.’ (Mil-Leġenda ta’ Perugia). Madanakollu skont it-tradizjoni, kien proprju f’dan iż-żmien li huwa kiteb il-Kantiku tal-ħlejjaq, bit-tifħir tiegħu lejn ħuna x-Xemx u ħuna n-Nar.

Dan il-Kantiku jevoka l-imħabba lejn in-Natura li kellu Franġisku, liema mħabba qarrbitu lejn l-Insara Moderni tal-lum li ffokkaw wisq fuq dan l-aspett u forsi ttraskuraw aspetti oħra tal-ispiritwalita’ tiegħu. Iżda l-imħabba tal-ħolqien kollu ma kinitx għajr imħabba profonda lejn il-Ħallieq.

Huwa kien jgħannaq kollox b’devozzjoni liema bħalha, kien jitkellem magħhom dwar il-Mulej u kien iwissihom biex ifaħħruH. Huwa kien jieħu ħsieb id-dawl, il-lampi u x-xemgħat, u jara li ma jitilfux id-dija tagħhom, għax hu kien iqishom bħala simboli tad-Dawl Etern. Huwa kien jirfex il-ġebel b’ċerta riverenza, għax huma kienu jfakkruh fiH li kien il-Blata.

Ma kienx iħalli lill-aħwa jaqgħtu siġar sħaħ meta jkunu qed jaqtgħu l-injam, sabiex dawn ikunu jistgħu jerġgħu jikbru mill-ġdid. Kien jordna lill-ġardinar biex iħalli bordura mad-dawra tal-ġnien u ma jmisshiex bil-moħriet biex din turi waħdiha li Alla jkabbar il-ħaxix u l-pjanti kollox fi żmienu bil-ħdura u l-ġmiel tagħhom… Kien jordna biex jitħalla xi għasel u inbid mill-aqwa għan-naħal, sabiex ma jkun jonqoshom xejn matul ix-xhur tax-xitwa.

Is-saħħa dgħajfa ta’ Franġisku ma kinitx iżżommu milli jżur l-ibliet u l-irħula tat-Toskana u tal-Umbrija, u dan baqa’ jagħmlu sas-sajf tal-1226 meta il-kondizzjoni tiegħu marret għall-agħar u ttieħed fil-palazz tal-Isqof ta’ Assisi. Meta Settembru daħal sewwa u deher ċar li l-mewt tiegħu kienet imminenti, huwa talab li jittieħed fil-Porzjunkola.

 

Fir-rakkont ‘Il-Fjuretti ta’ San Franġisk” hemm din l-istorja:

L-aħwa refgħuh fuq dirgħajhom u ġarrewh lejn Santa Marija tal-Anġli, akkumpanjati minn folla nies. Meta waslu qrib sptar li kien fi triqthom, Franġisku staqsiehom jekk kienux waslu fejn kellhom imorru, għax minħabba l-penitenzi u l-biki li kien jibki il-viżta tiegħu kienet marret lura u ma setax jara sew. Meta qalulu li kienu viċin sptar, qal lil dawk li kienu qed iġorruh: ‘Niżżluni hawn u dawwruni lejn Assisi.’

Wieqaf fit-triq b’wiċċu mdawwar lejn din il-belt, huwa berikaha billi qal: ‘Il-Mulej ibierkek, O belt qaddisa, għax permezz tiegħek ħafna rwieħ ġew salvati, u fik għammru ħafna qaddejja ta’ Alla u minnek għad jingħażlu ħafna biex imorru fis-Saltna tal-Ħajja ta’ Dejjem.’

Kif temm igħid dan il-kliem, talabhom iġorruh lejn Santa Marija tal-Anġli.

Franġisku miet fit-3 ta’ Ottubru 1226. Kif kien mimdud jistenna l-mewt, staqsta lill-aħwa biex ikantaw is-salmi ta’ tifħir, u huwa wkoll ingħaqad magħhom sakemm seta’. Imbagħad talabhom jaqrawlu l-istorja tal-passjoni ta’ Kristu skont San Ġwann. Imbagħad fl-aħħar skont, fi kliem Tumas ta’ Ċelano, “meta ħafna mill-aħwa kienu nġabru madwaru…. ir-ruħ mill-aktar qaddisa tiegħu kienet meħlusa minn ġismu u intlaqgħet fl-abbissi tad-dawl, u ġismu raqad fil-Mulej.”