Storja

L-ISTORJA TAL-PATRIJIET MINURI F’MALTA

 

Il-Ħadd 12 ta’ April 1914, f’Jum l-Għid il-Kbir, il-Ministru Ġenerali tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri, Pacifico Monza OFM, iddikjara l-Kustodja Franġiskana Maltija ta’ San Ġwann il-Battista bħala Provinċja tal-Ordni, bit-titlu ta’ San Pawl Appostlu.

Il-Franġiskani Maltin kienu diġà kisbu ċertu grad ta’ awtonomija mill-Provinċja Omm ta’ Val di Noto fi Sqallija fis-sena 1838, meta fil-fatt kienu kisbu l-Kustodja. Kienet vjaġġ twil u diffiċli. Sa minn meta twaqqaf l-ewwel kunvent tal-Franġiskani Osservanti fir-Rabat, li kien ġie ddedikat lil Santa Marija ta’ Ġesù, magħruf ukoll bħala “Ta’ Ġieżu” (korruzzjoni Maltija tal-isem Di Giesu mid-djalett Sqalli), il-Franġiskani Maltin tal-familja tal-Osservanti kienet tifforma parti mill-Provinċja ta’ Val di Noto, li kienet tkopri in-nofsinhar ta’ Sqallija.

Din il-Provinċja għandha tradizzjoni li tmur lura fis-sekli u li hi fidila għall-istil ġdid ta’ ħajja Franġiskana li l-Moviment tal-Osservanti ħadem biex firex mal-Italja kollha bħal nar iħeġġeġ fis-seklu Ħmistax. Wieħed mid-dixxipli ta’ San Bernardin ta’ Siena, li kien imexxi l-Moviment tal-Osservanti, kien l-Isqof Matteo Giumarra di Agrigento. Kien hu li firex ir-riforma tal-Osservanti fi Sqallija, mnejn imbagħad sabet triqtha lejn Malta lejn tmiem is-seklu Ħmistax.

Meta nbniet il-Belt Valletta, il-Gran Mastru Pietro del Monte irregala art lill-Franġiskani Osservanti sabiex dawn jibnu it-tieni knisja u kunvent tagħhom ġewwa din il-belt ġdida. Il-knisja kienet ukoll ġiet iddedikata lil Santa Maria ta’ Ġieżu, u hija ġawhra arkitettonika fl-istil rinaxximentali u barokk, frott il-ħidma tal-famuż perit Malti Ġlormu Cassar, li kien ukoll il-perit tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt.

Dawn iż-żewġ kunventi baqgħu iċ-ċentru tal-attivita’ pastorali tal-Franġiskani Osservanti Maltin għal tliet sekli sħaħ. Sadanittant, iżda, l-interferenza mir-Renju taż-Żewġ Sqalliji fil-ħwejjeġ reliġjużi Maltin, flimkien mal-attitudni ambivalenti tal-Gran Mastru Emanuel Pinto de Fonseca matul is-seklu tmintax ġiegħel lill-Franġiskani Osservanti Maltin jiddeċiedu li jinqatgħu minn Sqallija u jappellaw għall-gwida diretta mill-Kurja Ġenerali tal-Ordni f’Ruma. Sfortunatament dan l-attent spiċċa fi traġedja, meta żewġ Franġiskani fqajrin Maltin li kellhom il-kuraġġ li jieħdu din l-inizjattiva f’idejhom, Accursio Stuppia u Giovanni Nicola Falzon spiċċaw eżiljati mill-gżejjer Maltin, b’ordni tal-istess Gran Mastru li b’mod verament ipokrita kien oriġinarjament inkoraġġiehom biex jidħlu għal din il-missjoni. L-isforzi tagħhom iżda ma sfumawx fix-xejn.

Fl-1790 l-entita’ Franġiskana Maltija kienet iddikjarata Kustodja Indipendenti, iżda dan għal ftit taż-żmien biss. It-Tribunal tal-Regia Monarchia tar-Renju ta’ Napli kien għadu oppost bil-qawwa għal dan it-tbegħid tar-Reliġjużi Maltin minn Sqallija.

Mal-miġja tar-Renju Brittaniku f’Malta fis-seklu Dsatax il-folja nqalbet għar-reliġjużi Maltin. L-Ingliżi kienet togħġobhom l-idea li r-reliġjużi jinqatgħu mill-provinċji materni fin-nofsinhar tal-Italja u li jiġu dipendenti għal Ruma. Għaldaqstant fis-26 ta’ Lulju 1838 L-Osservanti Franġiskani Maltin ħadu l-Kustodja bl-isem ta’ San Ġwann il-Battista.

Dan it-tibdil fl-Ordni Franġiskan fi tmiem is-seklu Dsatax serva biex qajjem interess ġdid fil-ħajja reliġjuża tal-Franġiskani f’Malta.

L-unifikazzjoni tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri fl-1897 u l-figura providenzjali tal-Franġiskan Malti, Anton Maria Cesal, kienu fatturi importanti li ġabu tiġdid fil-Kustodja Franġiskana Maltija. Cesal waqqaf żewġ knejjes u kunventi oħra, tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema u ta’ Sant’Antnin f’Għawdex. Issa kien wasal iż-żmien għal twelid ġdid. L-Ordni Franġiskan issa seta’ jwaqqaf entita’ ġdida, il-Provinċja Maltija tal-Patrijiet Minuri iddedikata lil San Pawl Appostlu.

Il-Ministru Ġenerali tal-Ordni ta’ dak iż-żmien kien Pacifico Monza OFM (1911-1915). Fl-1914 huwa ġie Malta għal viżta ġenerali. Fis-7 ta’ April 1914 id-Definitorju Ġenerali ħareġ id-digriet tat-Twaqqif tal-Provinċja Franġiskana Maltija bit-titlu ta’ San Pawl Appostlu. Id-digriet oriġinali, iżda, kien ippubblikat fil-kunvent Ta’ Ġieżu l-Belt fl-Għid il-Kbir, nhar il-Ħadd 12 ta’ April 1914.

Il-Ministru Provinċjali l-ġdid, Anton Maria Cesal OFM, ikkonvoka id-Definitorju fl-1 ta’ Lulju 1914. Iżda sakemm wasal iż-żmien biex jkun ikkonvokat t-tieni wieħed fis-16 ta’ Diċembru, Anton Maria Cesal laħaq miet fl-14 tax-xahar 1914, wara biss tmien xhur f’dan l-uffiċċju. Bix-xieraq jista’ jkun meqjus bħala l-Fundatur tal-Provinċja.

Sa minn dak iż-żmien il-Provinċja Franġiskana Maltija kompliet tiffjorixxi bi knejjes u kunventi ġodda fil-Ħamrun (San Franġisk tal-Pjagi), Baħar iċ-Ċagħaq (Id-dar tal-Irtiri Porzjunkola, Santa Marija tal-Anġli u d-Domus Pacis) u preżenzi temporanji u permanenti oħra f’Malta u barra minn Malta, f’Londra, Toronto, Adelaide, Honduras, Libja, Ħal Far, Birkirkara, Mellieħa u Marsaskala.