Formazzjoni u Studji

Postulandat

Il-bidu tal-formazzjoni Franġiskana jissejjaħ Postulandat. Il-kelma ġejja mil-Latin, postulare, li tfisser ‘tistaqsi’. Essenzjalment, il-Postulant qed jistaqsi biex jiskopri aktar dwar l-istil ta’ ħajja Franġiskana fi ħdan il-komunita’. Il-perjodu tal-Postulandat itul sentejn u matul dan iż-żmien il-kandidati jiddedikaw ruħhom għal esperjenza fi ħdan il-fraternita’ tagħna, u jitgħallmu aktar dwar l-Ordni, dwar il-Provinċja u anke dwar il-fundatur, San Franġisk ta’ Assisi. Matul dan iż-żmien il-kandidati jkollhom post formali fi ħdan il-fraternita’ iżda ma jkunux meqjusa bħala membri tal-Ordni. Biex ikollhom distintiv li juri li bdew il-mixja tagħhom fil-ħajja Franġiskana jingħataw it-TAU.
 
 
novizzjat

Wara li jtemmu b’suċċess iż-żmien ta’ Postulandat, il-kandidati jimxu l quddiem għan-Novizzjat. In-Novizz huwa essenzjalment wieħed li għadu jibda u jkun propju f’din is-sena tal-bidu li wieħed jibda formalment il-ħajja bħala membru fil-fraternita’ reliġjuża tagħna. Is-sena tan-novizzjat tiffoka fuq introduzzjoni intensiva għall-ħajja spiritwali u l-voti. Hija essenzjalment sena ta’ talb u dixxerniment; fejn wieħed jidħol fil-fond tar-relazzjoni tiegħu ma Alla biex jiskopri il-verita’ tal-vokazzjoni tiegħu. Bħala membru tal-Ordni, in-Novizz jirċievi l-Ilbies tal-ordni: tonka kannella, u kordun abjad. Il-kordun iżda ma jkollux l-għoqqiedi li jisimbolizzaw il-voti reliġjużi tal-faqar, il-kastita’ u l-ubbidjenza. Filfatt in-Novizz jikkonkludi din is-sena billi jiprofessa il-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza għal sena.
 
 
Professjoni Temporanja

 Matul dan il-perjodu, magħruf ukoll bħala ż-żmien tal-Professjoni Temporanja, li jista’ jtul minn tlieta sa disa’ snin, il-Professi Temporanji jibdew jistudjaw il-filosofija u t-teoloġija speċjalement jekk ikunu msejħa għas-saċerdozju. Il-Professi Temporanji iġeddu l-voti tagħhom kull sena sakemm fl-aħħar jieħdu l-voti finali fi Professjoni Solenni. F’dan l-istadju, jistgħu jingħataw ukoll il-Ministeri tal-Lettorat u l-Akkolitat. Dan iż-żmien jikkonkludi l-formazzjoni inizjali tal-Franġiskan.
 
 
professjoni solenni

Darba jintemm il-perjodu post-novizzjat, il-Professi Temporanji formalment jitolbu lill-Ministru Provinċjali biex jgħamlu il-Professjoni Solenni; fi kliem ieħor jipprofessaw il-voti tal-faqar, tal-kastita’ u tal-ubbiddjenza għal ħajjithom kollha.
 
 
Ordinazzjoni

Wara li jagħmlu il-Professjoni Solenni, u jkunu ippreparaw ruħhom adegwatament u iddixxernew sewwa is-sejħa tagħhom, il-Patrijiet jagħmlu it-talba lill-Ministru Provinċjal, u jekk tiġi accettata, jiġu ordnati Djakni Transizzjonali u iktar ‘il quddiem Saċerdoti.