Stedina Zjara Sliema 2018

Għeżież ħuti,

Fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, li kien iżur l-irħula tal-Italja biex iwettaq lin-nies fil-fidi u jħeġġiġhom għal ħajja aħjar, aħna l-patrijiet,  sorijiet  u lajċi franġiskani se niġu nżuru l-parroċċa. Waħda mit-Twissijiet li Missierna San Franġisk kiteb hija dwar kif l-Ispirtu tal-Mulej jaħdem fina.“Il-qaddej ta’ Alla jingħaraf jekk għandux fih l-Ispirtu  tal-Mulej minn dan li se ngħid: jekk  meta  l-Mulej jagħmel xi ħaġa permezz tiegħu, hu jibqa’ ma jitkabbarx  bih  innifsu, għax  il-ġisem  jeħodha  dejjem  kontra  dak kollu  li  huwa  tajjeb.  Imma  f’għajnejh  stess  iqis  lilu  nnifsu bħala bniedem li ma jiswa għal xejn, u jħossu konvint li hu l-iktar wieħed miżerabbli mill-bnedmin l-oħra kollha.”

Għalhekk Alla, li ma jagħmel xejn għal xejn, imexxina fi triqatkom. Inti lest li tisimgħU?

Matul din iż-żjara, aħna se nkunu ta’ servizz għalikom bħala Aħwa li nitolbu flimkien magħkom fil-Parroċċa;  inkunu  ta’  servizz  fiċ-ċelebrazzjoni  tal-Ewkaristija   u   tas-Sagrament tal-Maħfra; ikollna laqgħat ma’ diversi gruppi, mumenti ta’ talb fid-djar tal-familji u mumenti ta’ żjarat u djalogu mal-familji.

Nittamaw  li  lkoll  tilqgħu  din  l-esperjenza  bħala  sinjal  tal-ħniena  li  Alla  l-Missier  qatt  ma  jieqaf  juri  magħna.  Nitolbukom  sabiex  minn  issa tingħaqdu magħna f’talba waħda għall-ġid spiritwali ta’ din iż-Żjara Franġiskana fostkom speċjalment issa li qed niċċelebraw il-100 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!